Home

CLICK HERE
Iż-żgħażagħ Għawdxin qegħdin jgħixu d-dinja moderna mingħajr ma jarmu dak li jsawwarhom. Qal dan Andrew Azzopardi, l-awtur ta’ studju dwar iż-żgħażagħ Għawdxin li kien ippubblikat nhar il-Ġimgħa.

L-istudju jġib l-isem ta’ Young People In Gozo. 
Andrew Azzopardi, lekċerer fid-dipartiment tal-istudji taż-żgħażagħ fl-Università, jiddeskrivi liż-żgħażagħ Għawdxin bħala żgħażagħ “reżiljenti u entużjasti lejn il-komunità tagħhom.”
“Huma interessati li jaraw il-gżira tagħhom aħjar,” saħaq Azzopardi.

“Hemm indikaturi statistiċi li juru li ż-żgħażagħ Għawdxin huma bħal ħafna żgħażagħ l-oħra Maltin… fl-istess ħin għandhom imħabba kbira għal dak li jsawwarhom. L-Għawdxin huma nies motivati, entużjasti u jħossuhom responsabbli lejn il-komunità tagħhom. Irnexxilhom isegwu l-kult u l-imħabba tal-komunità fi ħdan soċjetà li għandha drawwiet aktar moderni, fosthom il-fatt li qegħdin jgħixu s-sesswalità. Huwa interessanti kif qed jirnexxilhom jgħaqqdu d-dinja moderna taż-żgħażagħ mingħajr m’huma qed jarmu dak li jsawwarhom,” insista Azzopardi li jiddeskrivi lil Għawdex bħala gżira speċjali.

“Hija gżira li għandha ċerta maġija li ssaħħar mhux biss it-turist Malti jew dak barrani imma għadha teċita bl-isbuħija u s-serenità li taf toħloq liż-żgħażagħ ukoll. Imma mhux dan biss. Għawdex għaż-żgħażagħ għadu refuġju importanti. Huma ż-żgħażagħ li interessati jibqgħu jaraw lil Għawdex bl-identità partikolari tiegħu, bil-karattru tiegħu, bid-djaletti u l-istil tal-ħajja tiegħu. Għawdex għandu l-karateristiċi kollha ta’ gżira żgħira, sens ta’ aktar għaqda, sens qawwi ta’ kult reliġjuż, armonija, sens ta’ familja u komunità u ritmu li huwa xi ftit aktar kajman minn dak f’Malta,” qal Azzopardi.

Azzopardi jispjega l-għan tal-istudju tiegħu. “L-għan tal-istudju huwa li nifhmu aktar is-settur u l-istil taż-żgħażagħ x’inhu. Dan bil-għan li nikkalibraw is-servizzi li jingħataw. Fuq kollox dan l-istudju huwa mezz biex nifhmu aktar is-sehem taż-żgħażagħ fil-komunitajiet tagħhom,” temm jgħid mat-TORĊA Andrew Azzopardi.

Xi tgħid l-istatistika ?

ABBUŻ: Fost il-fatturi interessanti li joħorġu mill-istatistika li jippreżenta Andrew Azzopardi hemm il-fatt li 6.8 % taż-żgħażagħ fl-etajiet ta’ bejn 15 u 24 sena jgħidu li kienu vittmi ta’ abbuż fiżiku, sesswali u mentali. Dan il-perċentwal jitla’ għal 8.1 meta l-mistoqsija saret lil żgħażagħ ta’ bejn 25 u 30 sena.

FESTA: L-istudju ta’ Azzopardi jikkonferma wkoll li ż-żgħażagħ Għawdxin huma akkaniti ferm għall-festa. 95.8 % ta’ dawk bejn 10 u 15-il sena jgħidu li togħġobhom il-festa tar-raħal: dawn il-perċentwal jinżel għal 76.4% meta wieħed jitkellem ma’ żgħażagħ bejn 16 u 24 sena u 72.1% għal dawk bejn 25 u 30 sena.

XOGĦOL: Il-maġġoranza taż-żgħażagħ Għawdxin jippreferu li jaħdmu f’Għawdex. Fil-fatt 62.6% ta’ dawk bejn 10 u 30 sena qalu li jippreferu jaħdmu f’Għawdex u huma biss 15.5% li jippreferu jaħdmu Malta. Għal 17.2% ma tgħamilx differenza jekk jaħdmux Malta jew Għawdex. 87.3% taż-żgħażagħ  Għawdxin jemmnu li l-gżira tagħhom ma toffrix biżżejjed opportunitajiet ta’ xogħol.

IBBULJAR: Kważi kwart (23.9%) ta’ dawk bejn 10 u 30 sena jgħidu li għaddew mill-esperjenza kerha tal-ibbuljar fl-iskola. Meta wieħed jaqsamhom bi gruppi ta’ etajiet il-perċwenatali huma hekk: Fost dawk ta’ bejn 10 u 15-il sena, 12.3% esperjenzaw l-ibbuljar, fost dawk ta’ bejn 16 u 24 sena huma 26.8% li batew minn din il-problema, filwaqt li 28.2% fost dawk ta’ bejn 25 u 30 sena kienu vittmi tal-ibbuljar.

KOABITAZZJONI: Dan l-istudju jixhed kif żgħażagħ ikbar fl-età iktar għandhom tendenza li jaqblu mal-koabitazzjoni. Fil-fatt fost dawk bejn 10 u 15-il sena huma 14.3% li jaqblu mal-koabitazzjoni, rata li titla’ għal 38.8% fost dawk bejn 16 u 24 sena, 46.9% fost dawk bejn 25 u 30 sena.

VALURI: Hija l-imħabba l-iktar valur importanti għaż-żgħażagħ Għawdxin. Fil-fatt għal 91.5 fost dawk ta’ bejn 10 u 30 sena  jqisu l-imħabba bħala valur importanti, li tkun aċċettat huwa meqjus importanti minn 36% taż-żgħażagħ, u l-lealtà hija meqjusa bħala valur importanti minn 60% taż-żgħażagħ intervistati. Il-karità hija meqjusa bħala valur importanti minn 24.5% ta’ dawk intervistat jqisu l-karità bħala valur importanti u 79.4% jaraw is-sinċerità bħala valur importanti.

FIDUĊJA: 13.3% biss ta’ dawk li għandhom bejn 10 u 30 sena għandhom fiduċja fil-membri parlamentari.

INTERNET: Kif mistenni l-midja favorità maż-żgħażagħ Għawdxin huwa l-internet. 85.5% ta’ dawk bejn 10 u 15-il sena jsemmu l-internet bħala midja favorita, xi ħaġa li tinżel għal 77.6% għal dawk bejn 16 u 24 sena u 72.2% għal dawk bejn 25 u 30 sena.

MINA: 60% taż-żgħażagħ Għawdxin jaqblu mal-idea ta’ mina li tgħaqqad iż-żewġ gżejjer ta’ Malta u Għawdex.

KONTRAĊETTIVI: 33.5% jużaw il-kontraċettivi bl-iktar popolari jkun il-kondom. L-iktar li jintuża wara l-kondom huwa l-metodu tal-’withdrawal’, u wara hemm il-pill.

DROGI: 7.5% ta’ dawk bejn l-10 u 30 sena għamlu użu minn sustanzi llegali. L-iktar li jittieħdu d-drogi huwa fil-’parties’. L-iktar raġuni li tissemma għat-teħid tas-sustanzi llegali huwa l-fatt li jkunu jridu jissoċjalizzaw, problemi tal-familja u stima baxxa ta’ dak li jkun huma raġunijiet oħra li jissemmew.

ALKOĦOL: 38.8% ta’ dawk bejn 16 u 24 sena jikkunsmaw l-alkaħol, rata li tinżel għal 32.5% fost dawk li għandhom bejn 25 u 30 sena.

QUDDIES: 76% ta’ dawk Kattoliċi fl-etajiet ta’ bejn 10 u 30 sena wieġbu li jmorru ‘l quddies minn tal-inqas darba fil-ġimgħa. 6.5 biss qalu li kważi qatt ma jmorru quddies, filwaqt li 1% qalu li jmorru fil-festa.

www.andrewazzopardi.org

 
 

Many thanks for your comments...keep posting...

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s